Id-Dokument tad-Drittijiet tal-Familja

PREAMBOLU

A. Id-drittijiet tal-persuni, wkoll jekk meqjusa bħala drittijiet ta’ l-individwi, għandhom aspett soċjali fundamentali li juri ruħu b’mod ħaj fi ħdan il-familja;

B. Il-familja għandha l-pedament tagħha fuq iż-żwieg, l-għaqda intima ta’ ħajja tar-raġel u l-mara għas-sħuħija ta’ xulxin, li sseħħ permezz tar-rabta li ma tinħall qatt taż-żwieg. Din ir-rabta, l-miżżewgin jidħlu għaliha minn rajhom, bla ebda xkiel, u juru dan quddiem kulħadd. Hi rabta li hi miftuħa għall-għoti tal-ħajja;

C. Iż-żwieġ hu dik l-istituzzjoni naturali li lilha biss ġiet fdata l-missjoni ta’ l-għoti tal-ħajja;

D. Il-familja, bħala socjetà naturali, tiġi qabel l-Istat u qabel kull komunità oħra, u għandha fiha nfisha drittijiet li ma tista’ qatt tkun imċaħħda minnhom;

E. Il-familja, aktar milli hi biss grupp ġuridiku, ekonomiku u soċjali, hi komunità ta’ mħabba u għaqda. Ebda komunità oħra ma hi adatta daqsha biex tgħallem u tgħaddi ‘l ħaddieħor dawk il-valuri kulturali, morali, soċjali, spiritwali u reliġjużi li huma meħtieġa għall-iżvilupp u għall-ġid tal-membri tal-familja u tas-soċjetà;

F. Il-familja hi l-post fejn persuni ta’ etajiet diversi jiltaqgħu flimkien u jgħinu ‘l xulxin biex jikbru fil-għerf u jqabblu d-drittijiet ta’ l-individwi mal-ħtigijiet tal-ħajja soċjali;

G. Il-familja u s-soċjeta` huma marbutin ma’ xulxin b’rabtiet ħajjin u organiċi; għandhom il-għan li jgħinu lil xulxin fil-ħarsien u l-iżvilupp tal-ġid ta’ kull bniedem u tal-familja kollha tal-bnedmin;

H. L-esperjenza ta’ kulturi differenti tul il-medda tal-ġrajjiet tad-dinja turina li s-soċjetà jeħtiġilha tagħraf u tħares l-istituzzjoni tal-familja;

I.Is-soċjetà u l-aktar l-Istat u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali għandhom iħarsu ‘l-familja permezz ta’ miżuri ta’ sura politika, ekonomika, soċjali u ġuridika li għandhom bħala għan it-tisħiħ, l-għaqda u l-istabbilità tal-familja biex din tkun tista’ taqdi l-ħidma tagħha;

J. Id-drittijiet, il-ħtiġijiet fundamentali, il-ġid u l-valuri tal-familja, wkoll meta l-ħarsien tagħhom qiegħed dejjem jiżdied, ta’ spiss qed ikunu injorati u ta’ spiss imfixkla permezz ta’ liġijiet, istituzzjonijiet u programmi soċjo-ekonomiċi;

K. ħafna familji jkollhom jgħixu f’qagħda ta’ faqar li ma tħallhomx jaqdu l-ħidma tagħhom fid-dinjità li tixirqilhom bħala bnedmin;

L. Il-Knisja Kattolika taf li l-ġid tal-persuna, tas-socjetà u ta’ l-istess Knisja jinkiseb permezz tal-familja. Għalhekk il-Knisja dejjem qieset li huwa fin-natura tal-missjoni tagħha li xxandar lil kulħadd il-pjan għaż-żwieġ u għall-familja li Alla qiegħed fin natura tal-bniedem. Jeħtieg li l-Knisja ġġib ‘il quddiem iż-żwieġ u l-familja u tħarishom minn dawk li jeħduha kontra tagħhom;

M. Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet li sar fl-1980 bid-dieher kien irrakkonmanda li jitfassal Dokument dwar id-Drittijiet tal-Familja u li jintbagħat lil kull min għandu x’jaqsam miegħu.

Is-Santa Sede, wara li qieset dan kollu u ħadet il-parir tal-Konferenzi Episkopali, issa qieghda tippreżenta dan...

ID-DOKUMENT

U tħeġġeġ lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-Istituzzjonijiet u l-persuni kollha milquta biex iħabirku għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u l-għarfien u l-ħarsien veru tagħhom.

 

ARTIKLU 1

Kull bniedem għandu d-dritt li jitħalla fil-libertà li jagħżel l-istat tal-ħajja tiegħu u għalhekk jew jiżżewweġ u jkollu familja jew jibqa għażeb.

a) Kull raġel u kull mara, meta jaslu għall-età taż-żwieġ u ma għandhomx fihom infushom impediment għal dan, għandhom id-dritt li jiżżewġu u jkollhom familja mingħajr diskriminazzjoni ta’ xejn. Kull restrizzjoni legali għall-użu ta’ dan id-dritt, kemm jekk hi għal ftit taż-żmien jew għal dejjem, tista’ sseħħ biss għal raġunijiet gravi u oġġettivi, meħtieġa mill-istess istituzzjoni taż-żwieg u mit-tifsir soċjali u pubbliku tiegħu. Dawn ir-restrizzjonijiet iridu dejjem iħarsu d-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-persuna.

b) Dawk li jixtiequ jiżżewġu u jkollhom familja għandhom id-dritt jistennew mis-soċjetà dawk il-kundizzjonijiet morali, edukattivi, soċjali u ekonomiċi kollha li bihom ikunu jistgħu jagħmlu użu mid-dritt tagħhom li jiżżewġu bil-maturità u r-responsabilità kollha tagħhom.

c) Il-valur taż-żwieg bħala istituzzjoni għandu jiġi mħares mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-qagħda ta’ dawk li qegħdin igħixu flimkien mingħajr ma huma miżżewġin ma għandhiex titqies fuq l-istess livell tal-qagħda ta’ dawk miżżewġin regolarment.

 

ARTIKLU 2

Ma jistax isir żwieġ mingħajr il-kunsens sħiħ u ħieles taż-żewġ għarajjes kif titlob il-liġi.

a) Waqt li jinżammu bla mittiefsa t-tradizzjonijiet tal-familja f’ċerti kulturi li jgħinu lill-ulied fl-għażla tagħhom, kull pressjoni fuqhom biex ma tħallihomx jieħdu lil min iridu fiż-żwieg għandha tiġi evitata.

b) Dawk li jkunu sejrin jiżżewġu għandhom id-dritt għal-libertà reliġjuża. Għalhekk hi ksur ta’ dan id-dritt iċ-ċaħda tal-fidi jew il-professjoni ta’ fidi li tmur kontra l-kuxjenza ta’ dak li jkun jekk din issir bħala kundizzjoni minn qabel għaż-żwieġ.

c) Il-miżżewġin, li min-natura tagħhom huma komplimentari għal xulxin, għandhom l-istess dinjita` u drittijiet f’dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ.

 

ARTIKLU 3

Il-miżżewġin għandhom id-dritt li ħadd ma jista’ jċaħħadhom minnu, li jrawwmu familja, li jiddeċiedu, l-intervall bejn twelid u ieħor u n-numru ta’ wlied li jridu jwelldu, huma u jqisu b’mod sħiħ għal kollox dmirijiethom lejhom infushom, lejn l-ulied li ġa tweldulhom, lejn il-familja u s-soċjeta`. Għandhom iħarsu l-ġerarkija ġusta tal-valuri u l-ordni morali fih innifsu li ma jippermettix li huma jużaw il-kontraċezzjoni, l-isterilizzazzjoni u l-abort.

a) Kull ħidma tal-awtoritajiet pubbliċi u ta’ organizzazzjonijiet privati li b’xi mod jippruvaw ma jħallux lill-miżżewġin fil-libertà li jiddeċiedu kemm tfal ikollhom, hi offiża gravi kontra d-dinjità tal-bniedem u kontra l-ġustizzja.

b) Fir-relazzjonijiet internazzjonali, l-għajnuna ekonomika għall-progress tal-popli ma għandhiex tingħata bil-kundizzjoni li jiġu aċċettati programmi ta’ kontraċezzjoni, steriliżżażżjoni jew abort.

c) Il-familja għandha d-dritt għal għajnuna mis-soċjetà għat-twelid u t-trobbija ta’ l-ulied. Il-miżżewġin li għandhom familja kbira għandhom id-dritt għal għajnuna xierqa u ma għandhomx ibatu diskriminazzjoni.

 

ARTIKLU 4

Il-ħajja tal-bniedem għandha tkun rispettata u mħarsa bl-aktar mod sħiħ sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.

a) L-abort hu ksur dirett tad-dritt fundamentali tal-bniedem għall-ħajja.

b) Kull manipulazzjoni u kull użu tal-embrijo tal-bniedem għall-esperimenti, imur kontra r-rispett tad-dinjità tal-bniedem.

c) Kull intervent fuq il-wirt ġenetiku tal-persuna tal-bniedem li ma jsirx biex itejjeb xi anomalija, hu ksur tad-dritt għas-sħuħija tal-ġisem u jmur kontra l-ġid tal-familja.

d) L-ulied, kemm qabel u kemm wara t-tweilid, għandhom id-dritt għall-ħarsien speċjali u għall-għajnuna, u hekk ukoll għandhom ommijiethom waqt it-tqala u matul perjodu xieraq ta’ żmien wara li jwelldu.

e) L-ulied kollha, kemm jekk twieldu fiż-żwieg u kemm jekk barra miż-żwieġ, għandhom l-istess dritt għall-ħarsien soċjali bil-għan li jkollhom żvilupp sħiħ tal-personalità tagħhom.

f) L-iltiema u t-tfal imċaħħdin mill-għajnuna tal-ġenituri tagħhom jew ta’ dawk li għandhom jieħdu ħsiebhom, għandu jkollhom ħarsien speċjali mis-soċjetà. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-adozzjoni tat-tfal jew mal-kura tagħhom minn persuni oħra li jrabbuhom, l-Istat għandu jieħu ħsieb jagħmel liġijiet biex igħinu lil dawk il-familji adatti ħalli jilqgħu fi djarhom tfal li jkollhom bżonn min jieħu ħsiebhom jew għal ftit taż-żmien jew għal dejjem. Dawn il-liġijiet, fl-istess ħin, iridu jirrispettaw id-drittijet naturali tal-ġenituri.

ġ) L-ulied inkapaċitati għandhom dritt li jsibu fid-dar u fl-iskola ambjent tajjeb għall-iżvilupp tagħhom bħala bnedmin.

 

ARTIKLU 5

ġaladarba kienu huma li taw il-ħajja lil uliedhom, il-ġenituri għandhom id-dritt oriġinali, ewlieni u li ħadd ma jista’ jċaħħadhom minnu, li jedukaw ‘l uliedhom; għalhekk il-ġenituri għandhom jitqiesu bħala l-ewwel u l-aqwa edukaturi ta’ wliedhom.

a) Il-ġenituri għandhom id-dritt li jedukaw ‘l uliedhom skond il-konvinzjonijiet reliġjużi u morali tagħhom, waqt li jqisu dawk it-tradizzjonijiet kulturali tal-familja li huma ta’ għajnuna għall-ġid u d-dinjità tat-tfal. Is-soċjetà għandha wkoll tagħti lill-ġenituri dik l-għajnuna meħtieġa u kull assistenza biex huma jaqdu kif jixraq il-ħidma edukattiva tagħhom.

b) Il-ġenituri għandhom id-dritt jagħżlu bil-libertà kollha l-iskejjel u mezzi oħra meħtieġa għall-edukazzjoni ta’ wliedhom skond il-konvinzjonijiet tagħhom. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw li s-sussidji pubbliċi jitqassmu b’mod li l-ġenituri jkunu verament ħielsa li jużaw dan id-dritt mingħajr ma jitgħabbew b’piżijiet inġusti. Il-ġenituri ma għandhomx jitgħabbew, direttament jew indirettament, bi spejjeż oħra li jċaħħduhom mill-użu ta’ dan id-dritt jew jillimatwhulhom inġustament.

ċ) Il-ġenituri għandhom id-dritt li jkunu żguri li wliedhom ma jkunux imġiegħla jattendu lezzjonijiet li ma jaqblux mal-konvinzjonijiet morali u reliġjużi tagħhom. Hawn ta’ min isemmi li l-edukazzjoni sesswali hi dritt funadmentali tal-ġenituri u trid tingħata dejjem taħt il-ħarsien strett tagħhom, kemm fid-dar u kemm f’ċentri edukattivi magħżulin u kkontrollati minnhom.

d) L-Istat ikun qed jikser id-drittijet tal-ġenituri meta jimponi sistema obbligatorja ta’ edukazzjoni li minnu hi nieqsa kull formazzjoni reliġjuża.

e)Id-dritt ewlieni tal-ġenituri li jedukaw ‘l uliedhom għandu jidher f’kull sura ta’ kollborazzjoni bejn ġenituri, għalliema u awtoritajiet ta’ l-iskola, u, b’mod speċjali, f’dawk is-suriet ta’ parteċipazzjoni mfassla biex jagħtu liċ-ċittadin d-dritt li jsemmgħu leħinhom fit-tmexxija ta’ l-iskejjel u fit-tfassil u t-twettieq tal-politika edukattiva.

f) Il-familja għandha d-dritt tistenna li l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali jkunu strumenti pożittivi għall-bini tas-soċjeta` u jgħinu biex isaħħu l-valuri fundamentali tal-familja. Fl-istess ħin il-familja għandha d-dritt li tkun imħarsa b’mod xieraq – dan igħodd l-aktar għall-iżgħar fost il-membri tagħha – mill-effetti negattivi u mill-abbuż tal-mass media.

 

ARTIKLU 6

Il-familja għandha d-dritt li teżisti u timxi l’quddiem bħala familja.

a) L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jirrispettaw u jgħożżu d-dinjità, l-indipendenza leġittima, il-ħajja privata, l-integrità u l-istabbilità ta’ kull familja.

b) id-Divorzju jmur kontra l-istess istituzzjoni taż-żwieġ u tal-familja.

ċ) Is-sistema tal-“familja estiża” (i.e. li tinkludi mhux biss il-ġenituri u l-ulied imma wkoll il-qraba) fejn teżisti, għandha tkun rispettata u megħjuna biex taqdi l-ħidma tradizzjonali tagħha ta’ solidarjetà bejn il-membri u ta’ għajnuna lil xulxin. Fl-istess ħin, għandhom jiġu wkoll rispettati d-drittjiet tal-“familja nukleari” (i.e. il-ġenituri u l-ulied biss) u d-dinjità personali ta’ kull membru tagħha.

 

ARTIKLU 7

Kull familja għandha d-dritt li tgħix bil-libertà kollha l-ħajja reliġjuża tagħha taħt it-tmexxija tal-ġenituri. Għandha tkun ħielsa li tistqarr ukoll pubblikament u xxandar il-fidi tagħha, u tieħu sehem fil-qima pubblika u fi programmi ta’ tagħlim reliġjuż li hi tkun fil-libertà li tagħżel mingħajr ma ġġarrab l-ebda diskriminazzjoni.

 

ARTIKLU 8

Il-familja għandha d-dritt taqdi l-missjoni soċjali u politika tagħha fil-bini tas-soċjetà.

a) Il-familji għandhom id-dritt jiffurmaw assoċjazzjonijiet ma’ familji oħra u istituzzjonijiet, biex jaqdu b’mod xieraq u sewwa l-ħidma tagħhom bħala familji u biex iħarsu wkoll id-drittijiet, iġibu ‘l quddiem il-ġid u jfissru l-interessi tal-familja.

b) Meta jkunu qed jiġu mfassla u żviluppati programmi li jolqtu l-ħajja tal-familja, għandu jiġi rikonoxxut id-dritt tal-familji u l-assoċjazzjonijiet tal-familji, li jagħtu sehemhom fil-livell ekonomiku, soċjali, ġuridiku u kulturali.

 

ARTIKLU 9

Il-familji għandhom id-dritt li jkunu jistgħu jafdaw fi pjan xieraq għall-familja mfassal min-naha ta’ l-awtoritajiet pubbliċi fl-oqsma ġuridiċi, ekonomiċi, soċjali u fiskali, mingħajr ma jbatu ebda diskriminazzjoni.

a) il-familji għandhom dritt ikollhom dawk il-kundizzjonijiet ekonomiċi li jiżgurawlhom livell ta’ ħajja li jkun jixraq li-dinjità tagħhom u l-iżvilupp sħih tagħhom. Ma għandhomx jiġu miżmuma milli jiksbu u jżommu għalihom proprjetà privata li tkun ta’ għajnuna biex huma jgħixu ħajja stabbli. Il-liġijiet dwar kif jinqasam xi wirt u dwar kif proprjetà tgħaddi minn wieħed għall-ieħor għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-membri tal-familja.

b) il-familji għandhom dritt għal dawk il-miżuri li fil-qasam soċjali jqisu l-ħtiġijiet tagħhom, l-aktar f’każ ta’ mewt bikrija ta’ xi ħadd mill-ġenituri jew tat-tnejn; f’każ meta xi ħadd mill-ġenituri jitlaq għal rasu; f’każ ta’ disgrazzja jew mard jew invalidita`; f’każ ta’ qagħad jew meta l-familja titgħabba b’piżijiet oħra favur xi membri tagħha jew minħabba xjuħija jew inkapaċità mentali jew fiżika jew minħabba l-edukazzjoni ta’ l-ulied.

c) Ix-xjuħ għandhom id-dritt isibu fi ħdan il-familja tagħhom jew, meta dan mhux possibbli, f’istituzzjonijiet xierqa, ambjent li jgħinhom igħixu l-aħħar snin ta’ ħajjithom fil-hena waqt li jkunu jistgħu jagħmlu ħidmiet li jkunu adatti għall-età li jkollhom u jieħdu sehem fil-ħajja tas-socjetà.

d) Id-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-familja, u l-aktar il-valur tal-għaqda tal-familja, għandhom jingħataw importanza meta jitfasslu liġijiet ta’ natura penali, b’mod li min ikun il-ħabs jibqa’ jżomm kuntatt mal-familja u l-familja tkun megħjuna b’mod xieraq tul iż-żmien kollu li din il-persuna tkun il-ħabs.

 

ARTIKLU 10

Fejn jidħol ix-xogħol, il-familji għandhom dritt għal sistema ekonomika u soċjali li permezz tagħha l-membri kollha tal-familja jkunu jistgħu jgħixu flimkien mingħajr ma tfixkel l-għaqda, il-ġid, is-saħħa u s-sħuħija tal-familja, waqt li toffri wkoll lil kulħadd possibilità ta’ rikreazzjoni xierqa.

a) Il-ħlas tax-xogħol għandu jkun biżżejjed biex wieħed jifforma u jmantni familja b’dinjita`, jew permezz ta’ salarju xieraq, magħruf bħala “paga familjari” jew permezz ta’ miżuri soċjali oħra bħalma huma s-sussidji familjari jew ħlas għax-xogħol li jsir fid-dar minn wieħed mill-ġenituri. Il-ħlas għandu jkun b’mod li l-ommijiet ma jkollhomx għalfejn joħorġu jaħdmu barra mid-dar bi ħsara għall-ħajja tal-familja u l-aktar għall-edukazzjoni ta’ l-ulied.

b) Ix-xogħol ta’ l-omm fid-dar għandu jkun magħruf u rispettat minħabba s-siwi tiegħu għall-familja u s-soċjetà.

 

ARTIKLU 11

Il-familja għandha dritt għal dar xierqa, adattata għall-ħajja tal-familja u ta’ daqs skond l-għadd tal-membri, f’ambjent li joffri s-servizzi l-aktar meħtieġa għall-ħajja tal-familja u tal-komunità.

 

ARTIKLU 12

Il-familja ta’ l-emigranti għandhom id-dritt għall-istess ħarsien li jingħata lill-familji l-oħra.

a) Il-familji ta’ l-emigranti għandhom id-dritt li l-kultura tagħhom tkun rispettata. Għandhom jirċievu l-għajnuna kollha li jeħtieġu biex jintegraw ruħhom fil-komunità li fiha jkunu qegħdin jagħtu s-sehem tagħhom.

b) Il-ħaddiema emigranti għandhom id-dritt jaraw lill-familja tagħhom magħquda kemm jista’ jkun malajr.

c) Ir-rifuġjati għandhom id-dritt għall-għajnuna mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-Organizzazzjonijiet Internazzjonali biex titħaffef l-għaqda mill-ġdid tal-familji tagħhom.

 

 

Biex taqra verzjoni bl-Ingliż taċ-Charter tad-Drittijiet tal-Familja

 

 
Copyright (C) 2010 | Disclaimer | Privacy Policy
Created and Designed by cre8solutions